Array
Malta intrebħet mill-Musulmani fis-sena 870 WK, wara tlett sekli ta’ tmexxija Biżantina. Din il-konkwista ħalliet konsegwenzi matul is-sekli li ġew wara, li għadhom jinħassu sal-ġurnata tal-lum. Il-konkwista ta’ Malta hi kkonfermata minn diversi sorsi Musulmani, imma min ebda sors Biżantina. Din issegwi l-espressjoni ferm mgħarufa li l-istorja hija miktuba mirr-rebbieħa !
Wara l-mewt ta’ Muhammad fis-sena 632 AD, l-Islam infirex f’kull rokna tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll f’partijiet tal-Ewropa tan-Nofsinhar bħal Sqallija, Spanja u Malta. Xi storiċi saħansitra jsostnu li fost is-sakkeġġi li seħħew, strutturi Kristjani f’Malta kienu ġew żmantellati u mkaxkra għal ġo Sousse, illum ġewwa t-Tuneżija, b’tifkira tal-konkwisti prestiġjużi tagħhom.
Għalkemm is-sorsi Musulmani qatt ma jistqarru b’mod espliċitu, wieħed jistgħa jasa għal konklużjoni li l-konkwistaturi Musulmani ma wrew ebda ħniena mat-telliefa. Dan minħabba li l-uniku rapport li għandna fir-rigward tas-snin li huma bl-eżatt wara t-870 WK, jiddeskrivi lil Malta bħala “rovina diżabitata”. Fil-fatt ma nstabu ebda fdalijiet arkeoloġiċi tas-snin immedjatament wara t-870 WK, filwaqt li fuħħar tipikament Għarbi, tas-sekli 10 u 11 WK , inkixxef fi pjazza Mesquita, ġewwa l-Imdina.
Imma sas-sena 910 WK, il-belt kapitali ġdida ta’ al-Mahdiyya fit-Tuneżija ġabet risq ġdid għal Malta, hekk kif xwini li bdew jbaħħru minn Sqallija għal din il-kapitali ġdida kellhom jsalpaw viċin ħafna tal-gżejjer Maltin. Dan qiegħed lil Malta fin-nofs ta’ rotta importanti kemm politikament u kemm kummerċjalment. Biss din ir-rotta kienet perikoluża minħabba r-riskju ta’ attakki mill-furbani u dan kien ifisser li l-ħakkiema Musulmani kellhom iżommu kontinġent ta’ suldati fuq il-gżejjer Maltin sabiex jkunu jistgħu jipproteġu din ir-rotta tal-baħar.
Al-Himyari li kien qed jirreġistra l-avvenimenti li kienu qed iseħħu f’dak iż-żmien qal hekk fuq Malta: “Il-Gżira kienu jżurha dawk li kienu jibnu x-xwini minħabba li l-injam Malti kien b’saħħtu żjed min kwalenkwè injam ieżor, mis-sajjieda minħabba l-abbundanza u t-tgħoma tajba tal-ħut ta’ madwar ix-xtut tagħha, u minn dawk li jiġbru għasel għaliex dak kien l-iktar ħaġa komuni hemmhekka. ”
Fin- nofs tas-seklu 11 ġew ħafna abitanti ġodda, u l-belt kapitali antika ta’ Malta, l-Imdina, reġgħet inbniet mill-ġdid. Ħafna sejbiet taċ-ċeramika tas-seklu 11 jikkonfermaw li f’dak iż-żmien il-komunità li kien hemm fl-Imdina kienet qed tikber ġmiela. Din iċ-ċeramika hi simili għal dik misjuba fi Sqallija, li tindikaw li kien hemm il-kummerċ bejn iż-żewġ gżejjer. Sejbiet simili fiċ-Ċittadella t’Għawdex jikkonfermaw l-istess ħaġa għall-gżira qariba. Barra minn hekk hemm evidenza tal-importazzjoni ta’ ikel, u dan kien jkun meħtieġ biss minħabba l-preżenza ta’ popolazzjoni mdaqsa.
Fis-snin 1048-1049, Malta kien attakkat mill- Biżantini li ppruvaw jittantaw jerġgħu jirbħu dawn l-gżejjer. Meta l-Musulmani nġabru flimkien, u għaddew lilhom infushom, sabu li kienu nqas fin-numru mill-iskjavi tagħhom. Għaldaqstant huma offrew il-libertà lill-iskjavi tagħhom, jekk dawn jgħinuhom biex jiġġieldu lill-attakkanti. Din l-istrateġemma tant irnexxiet, li dawn l-gżejjer ma reġgħewx ġew attakkati mill-ġdid. Madankollu wieħed irid joqgħod attent mir-rakkonti tal-kittieba tal-perjodu, li setgħu ġew influwenzati b’xi mod jew ieħor. Dak li verament ġara huwa inċert, għax bħal fi żmienijiet oħra, “l-istorja” setgħet kienet miktuba minn osservaturi preġudikata.
Dak li hu ċar mir-rakkont t’hawn fuq hu li l-komunità lokali kienet komposta minn kaptani u skjavi. Mhuwiex ċar jekk l-iskjavi kienux Insara kollha, jew jekk Malta ma kienitx il-post ta’ oriġini tagħhom jew inkella l-post li fih ġew miġjuba wara li nqabdu. Minħabba li l-ismijiet ta’ ħafna rħula bħal Farruġ, Ġawhar, Kbir u Safi bdew jissemmgħu l-ewwel f’dan iż-żmien, huwa plawżibbli li wieħed jassumi li l-ewwel rħula Maltin ukoll joriġinaw minn dan iż-żmien.
Madwar is-sena 1091, Konti Ruġġieru tan-Normandija żbarka f’Malta u żarma r-reżistenza Musulmana, tant li dawn malajr ċedew u aċċettaw: li jirrikonoxxuh bħala l-kap tagħhom, li jċedu l-armi tagħhom, li jħallsu somma annwali, u li jirrilaxxaw l-iskjavi Kristjani tagħhom. L-iskjavi Kristjani b’hekk ħarġu mill- “Medina” jibku bil-ferħ għal-ħelsien mhux mistenni tagħhom, u laqqgħu l-konkwista tal-Konti Ruġġieru b’għajjat ta’ “Kyrie eleyson ” (li bil-Grieg tfisser “Il-Mulej jkollhu ħniena minna”).
Biss fil-verità, kuntrarjament għall-leġġenda, iż-żjara tal-Konti Ruġġieru ma timmarkax it-tmiem tal-preżenza Musulmana f’Malta, għax din il-miġja ma kinietx għajr attakk ta’ malajr intiż sabiex jikkontrollaw lill Malta, bl-għan aħħari tkun biss il-konkwista ta’ Tunis u l-Afrika ta’ Fuq. Infatti, ma kienx qabel is-sena 1127, meta ir-Re Ruġġieru, iben il-Konti Ruġġieru, reġgħa ħa f’idejh din l-gżira wara theddida ta’ ribelljoni Musulmana, li bdiet tiffjorixxi l-kultura Ewropeja f’Malta. Għalkemm l-Islam kompla għaddej f’Malta għal aktar minn seklu, u ferm wara s-sena 1127; il-lingwi uffiċjali ta’ Malta u Sqallija f’dak iż-żmien kienu probabbilment il-Latin, l-Għarbi Klassiku, u l-Grieg.
Il-Kristjaneżmu kien reġgħa ġiet introdotta f’Malta mir-Re Ruġġieru fis-sena 1127, u minn hemm ‘l hemm iffjorixxa sewwa. Għall-ewwel, l-influwenza Biżantina Griega kien suprema, iżda il-Knisja Latina (tal-Punent) iffavoritha minn Normanni eventwalment ħadet f’idejha dawn il-gżejjer.
Biblijografija: The ‘Norman’ Heritage of Malta ta’ Godfrey Wettinger
designed and produced by Logix Digital